Bullettin 27 ta’ Jannar 2019

It-3 Ħadd Matul is-Sena

INWASSLU BXARA TAJBA!

Il-Missjoni ta’ kull nisrani!

Ġesù mar fis-Sinagoga u beda jgħallem.  Qed ngħixu f’mument storiku fejn id-dinja qed tagħmel żviluppi mgħaġġla f’dak li huwa tagħlim. 

L-era tal-kompjuters u l-internet mhix xi ħaġa ġdida.  Iżda dawn il-mezzi jibqgħu biss mezzi u l-bniedem irid jibqa’ jimxi ’l quddiem biex jagħżel sewwa fejn ifittex il-verità u l-paċi vera ta’ qalbu. 

L-ewwel kliem ta’ tagħlim ta’ Ġesu kien proprju stedina u sfida lill-umanità biex tisma’ l-AĦBAR IT-TAJBA li  Hu ġie biex iwassal. 

Ġesù ġie biex ikun spalla ma’ spalla mal-batut biex jeħilsu u jagħtih qawwa ħalli jqum fuq saqajh.  Il-kelma sseħħ kull darba li ngħixuha fl-ambjent tagħna, għaliex Ġesù jkun magħna.  Din hija l-isfida li għandu n-nisrani llum.

L-Ewwel Qari meħud mill-Ktieb ta’ Neħemija jurina kif kienet issir il-Liturġija tal-Kelma fost il-Lhud.  Kien jinfetaħ il-Ktieb tal-Liġi u jinqraw minnu xi bċejjeċ li mbagħad jitfissru lill-poplu. 

Fis-Salm Responsorjali (Salm 18) intennu r-radd il-ħajr tagħna lill-Mulej għax il-kelma tiegħu hija spirtu u ħajja.  Fit-Tieni Qari San Pawl ikompli jgħidilna kif fil-Magħmudija sirna fi Kristu ġisem wieħed.  Fil-Vanġelu San Luqa jgħidilna għaliex kiteb il-Vanġelu:  biex jingħaraf sewwa l-qawwa tat-tagħlim li għallem Ġesù li l-missjoni tiegħu kienet it-twettiq tal-wegħdiet ta’ Alla.

  • Il-Mulej tana l-kelma tiegħu biex jagħtina l-vera ħajja. Ngħixuha bħala l-proġett ta’ kull azzjoni fil-ħajja tagħna!
  • Il-Mulej jaf li aħna dgħajfa u għalhekk tana, permezz tal-Ispirtu s-Santu, diversi kariżmi. Ngħixuhom fil-ħajja tagħna ta’ kuljum u nfittxu li nkunu wlied Alla bl-eżempji ħajjin tagħna!
  • Il-Mulej jagħtina l-Kelma tal-Ħajja biex inqawwu lid-dgħajfin.  Minn semmiegħa jew spettaturi jalla nsiru protagonisti tal-fidi tagħna u nxammru l-kmiem ħa naraw x’inhuma l-bżonnijiet ta’ madwarna!

Mulej Ġesù,
inti ġejt bix tagħtina l-BXARA T-TAJBA,
għinna nilqgħu l-kelma tiegħek,
biex biha ndawlu lil dawk ta’ madwarna
u nkunu dixxipli tal-BXARA T-TAJBA.

RUĦI TFAĦĦAR IL-KOBOR TAL-MULEJ!
Nimxu fuq l-eżempju ta’ Marija..

Il-KWADRU TAL-MADONNA TA’ PINU

LURA FIS-SANTWARJU TIEGĦU

Iż-żjara storika ta’ dan il-kwadru f’kull parroċċa tal-gżira tagħna tasal fi tmiemha l-Ħadd 27 ta’ Jannar.

  • 4.30pm: Pellegrinaġġ Djoċesan minn fejn il-monument tal-pellegrin ħdejn is-siġra Ta’ Pinu. Wara d-dħul tal-kwadru fis-Santwarju – Pontifikal mill-Isqof Mario Grech u s-saċerdoti tad-Djoċesi.
  • Mistiedna jieħdu sehem il-fratelli kollha.
  • Ikollna trasport mill-pjazza tagħna fit-3.30pm.
  • Ċemplulna 21554615 biex tibbukkjaw it-trasport.

Minħabba dan il-pellegrinaġġ straordinarju –

IL-ĦADD 27 ta’ Jannar il-quddiesa ta’ filgħaxija fil-knisja parrokkjali tkun fit-3.30pm.

KONFERENZA DJOĊESANA FAMILJA 2019

X’IKISSIRHA L-FAMILJA?..Kif naffrontaw l-isfidi ta’ llum.

Kelliema ewlenija – Carmen Delicata.

Is-Sibt 26 ta’ Jannar, 2019 5 – 8pm. Sala Villa Fiorita,

Marsalforn. OKKAŻJONI VERAMENT TAJBA TA’ FORMAZZJONI GĦALL-FAMILJI U GĦAL DAWK LI QED IĦEJJU GĦAŻ-ŻWIEĠ.(Ikun hemm min jieħu ħsieb it-tfal).

JUM IL-MISSJONI FL-ART IMQADDSA

Is-Sibt u l-Ħadd 26 u 27 ta’ Jannar, 2019. Niftakru f’ħutna l-insara tal-Art Imqaddsa u fil-Missjoni Franġiskana fl-art ta’ Ġesù.

L-EWWEL ĠIMGĦA U SIBT TAX-XAHAR

Nhar il-Ġimgħa 1 ta’ Frar tkun l-ewwel ġimgħa tax-xahar. L-adorazzjoni tkun fil-knisja parrokkjali. Filgħaxija jkollna magħna lil Fr. Raymond Portelli biex jiċċelebra l-quddiesa u ngħinuh għall-missjoni tiegħu fil-Perù.

Is-Sibt 2 ta’ Frar FESTA tal-KANDLORA

Fil-Knisja l-Qadima   -Adorazzjoni 8.30am-nofsinhar.

                                     -quddiesa fl-4pm.

Fil-Knisja Parrokkjali-Funzjoni tat-tberik tad-dawl.

ILQA’ FI ĦDANEK MULEJ  

  • Ir-ruħ għażiża ta’ Tony Caruana li ġie jiltaqa’ miegħek fl-20 ta’ Jannar 2019 fl-eta’ ta’ 69 sena.

Agħtih O Mulej il-mistrieħ ta’ dejjem

JUM IĊ-ĊENTRU PARROKKJALI

Kull sena, qrib il-festa ta’ San Ġwann Bosco, infakkru Jum iċ-Ċentru Parrokkjali.

Ilkoll nafu kemm isir ġid minn dan il-post.

NAPPREZZAW IL-ĦIDMA TA’ DAWK KOLLHA LI JGĦINU FIĊ-ĊENTRU!

Booking għal din il-kummiedja soċjali miftuħ.
Miċ-Ċentru Parrokkjali stess jew mill-Uffiċċju

ABBONAMENTI FIL-ĦAJJA F’GĦAWDEX

Ma’ dan il-bullettin qed taslilkom formola tal-abbonamenti f’din l-unika rivista nformattiva fuq Għawdex. Issa qed tkun stampata kollha kemm hi bil-kulur.  Il-weekend li ġej tkunu tistgħu ġġeddu l-abbonamenti jew tabbonaw għall-ewwel darba f’din ir-rivista wara l-quddies kollu tas-Sibt u l-Ħadd 2 u 3 ta’ Frar.

MILL-ISKOLA PRIMARJA TAGĦNA

Dawk il-ġenituri li jixtiequ jirreġistraw lil uliedhom għas-sena skolasitka 2019-2020 fl-Iskola Primarja ta’ Għajnsielem, jistgħu jiġbru applikazzjoni mill-Iskola stess sal-aħħar ta’ jannar. It-tfal iridu jkunu se jagħlqu 3 snin sal-aħħar ta’ April 2020.

GĦOTI TA’ DEMM  fil-Berġa tax-Xewkija t-Tlieta 29 ta’ Jannar  mis-1pm sal-5pm.


Bullettin 20 ta’ Jannar 2019

SINJAL, BARKA FUQ IL-FAMILJA

Mill-ġdid għandna mument ieħor ta’ dehra tal-Mulej quddiem id-dinja meta jibda l-missjoni pubblika tiegħu b’sinjal ta’ solidarjetà ma’ għarajjes ġodda f’mument ta’ diffikultà għalihom. 

Kienet Marija li ndunat.  U għall-kelma tagħha Ġesù jwettaq l-ewwel sinjal, l-ewwel miraklu, l-ewwel barka li propju ddedika lil koppja żagħżugħa fl-ewwel mument ta’ ħajja miżżewġa. 

Huwa ta’ min jinnota, il-kliem li qalet Marija lill-qaddejja biex seta’ jseħħ il-miraklu:  

“Agħmlu dak li jgħidilkom HU!” 

Huwa l-istess kliem li Marija tgħid lilna llum.  Mirakli jseħħu kontinwament fil-ħajja tagħna. Nitolbuha f’dan il-weekend,lilha li ġiet iżżurna fix-xbieha mirakoluża tagħha.

Kemm tassew  ilkoll kemm aħna, bħala Nsara, għandna l-fidi biex nagħmlu dak li jgħidilna Ġesù?

Il-ħidma tagħna fuq dak li jgħidilna Ġesù trid isseħħ bil-għajnuna tal-kariżmi mogħtija lilna mill-Ispirtu s-Santu kif itenni San Pawl fit-Tieni Qari tal-lum.

Huwa propju f’dan id-dawl li rridu naħdmu tul il-ħajja tagħna biex ngħaddu l-messaġġ ta’ salvazzjoni lil qrabatna, lil dawk kollha li niltaqgħu magħhom u hekk inkunu evanġelizzaturi ta’ żmienna.

Il-miraklu li jwettaq Ġesù f’Kana tal-Galilija ma kienx biex jiddubbaw għal mument. Wettaq MIRAKLU TA’ ABBUNDANZA:   il-ġarar kienu mimlija sax-xfar.  L-imħabba li għandu lejna l-Mulej ma jesagħha l-ebda qies.  Iħobbna bl-abbundanza.

Mulej, int ħabbejtna bil-ħafna
Għinni nħobbok b’għemili kull ħin
sabiex inwettaq, kif qalet Ommok u Ommna, dak li tgħidilna Inti.

RUĦI TFAĦĦAR IL-KOBOR TAL-MULEJ!
Nimxu fuq l-eżempju ta’ Marija…

“EJJA!”Is-Sibt 19 u l-Ħadd 20 ta’ Jannar, 2019

Il-ĦADD 20 ta’ Jannar 3.30pm
NINĠABRU Fil-Knisja Parrokkjali biex niċċelebraw il-Quddiesa u  wara nsellmu lil Ommna Marija Ta’ Pinu fuq iz-zuntier filwaqt li nipproponu li : –

  • Nitolbu kuljum għall-qdusija tal-familji u tas-saċerdoti tagħna.
  • Naħdmu u nitolbu biex nimmaturaw fil-fidi u nitħeġġu għall-Evanġelizzazzjoni – ħalli jkollna vokazzjonijiet saċerdotali u għall-ħajja kkonsagrata, katekisti, vokazzjonijiet Museumini u missjunarji mill-parroċċa tagħna.
  • Ngħidu ta’ spiss it-3 Ave Maria li talbitna hija stess f’ġieħ it-3 ijiem li damet midfuna fil-qabar.

ĠIMGĦA TAL-AZZJONI KATTOLIKA
Mit-Tnejn sal-Ġimgħa 21-25 ta’ Jannar. Segwu l-programm li wassalna fil-bullettin tal-ġimgħa li għaddiet.

ILQA’ FI ĦDANEK MULEJ Ir-ruħ għażiża ta’ Loreto Galea li għadda għall-ħajja eterna fid-9 ta’ Jannar 2019 fl-eta’ ta’ 94 sena. Agħtih O Mulej il-mistrieħ ta’ dejjem

KONFERENZA DJOĊESANA FAMILJA 2019

X’IKISSIRHA L-FAMILJA?
…Kif naffrontaw l-isfidi ta’ llum.
Kelliema ewlenija – Carmen Delicata, family therapist. Is-Sibt 26 ta’ Jannar, 2019 5 – 8pm. Sala Villa Fiorita, Marsalforn. OKKAŻJONI VERAMENT TAJBA TA’ FORMAZZJONI GĦALL-FAMILJI U GĦAL DAWK LI QED IĦEJJU GĦAŻ-ŻWIEĠ.(Ikun hemm min jieħu ħsieb it-tfal).

MILL-ISKOLA PRIMARJA TAGĦNA
Dawk il-ġenituri li jixtiequ jirreġistraw lil uliedhom għas-sena skolasitka 2019-2020 fl-Iskola Primarja ta’ Għajnsielem, jistgħu jiġbru applikazzjoni mill-Iskola stess sal-aħħar ta’ jannar. It-tfal iridu jkunu se jagħlqu 3 snin sal-aħħar ta’ April 2020.

JUM IL-MISSJONI FL-ART IMQADDSA
Is-Sibt u l-Ħadd 26 u 27 ta’ Jannar, 2019. Niftakru f’ħutna l-insara tal-Art Imqaddsa u fil-Missjoni Franġiskana fl-art ta’ Ġesù.

JIBDEW IL-ĦAMISIJIET TA’ SANTA RITA
Nhar il-Ħamis li ġej 24 ta’ Jannar, għand is-Sorijiet Agostinjani Għajnsielem. 5.30pm Rużarju, Kurunella, barka sagramentali u quddiesa bil-ħsieb fuq Santa Rita.

NOFS TA’ NHAR GĦAN-NISA KOLLHA
Nhar l-Erbgħa 23 ta’ Jannar f’Lourdes Home mid-9am sa 12pm. Ikun hemm qrar, quddiesa minn Mons Renato Borg, kafe’ u tombla.

GĦOTI TA’ DEMM fil-Berġa tax-Xewkija.Il-Ħadd 20 ta’ Jannar:8am-1pm.

OFFERTI GĦALL-BULLETTIN
– Carmen Scicluna toffri $50 b’suffraġju tal-għażiż żewġha Anthony Scicluna f’għeluq is-sebgħa u għoxrin sena mill-mewt tiegħu fil-25 ta’ Jannar 2019.
– Ġuża u Fredu Ciangura joffru €20 b’suffraġju ta’ ommhom Mananni f’għeluq l-10 snin mill-mewt tagħha fit-22 ta’ Jannar u għal ruħ Mikieli Ciangura u Marija Azzopardi.
– Theresa u Toni Grech joffru €20 b’suffraġju ta’ binhom Peter Paul Grech  f’għeluq is-16-il sena mill-mewt tiegħu fil-25 ta’ Jannar.
Agħtihom O Mulej il-mistrieħ ta’ dejjem


Bullettin 13 ta’ Jannar 2019

Il-Magħmudija tal-Mulej

MANIFESTAZZJONI TAL-MISSJONI TAL-MULEJ

Wara l-Manifestazzjoni tal-Mulej Ġesù fit-twelid tiegħu, wara li reġa’ wera l-missjoni tiegħu lit-tliet Slaten Maġi fl-Epifanija,

insibu t-tielet manifestazzjoni tal-Mulej Ġesù, dik fil-Magħmudija tiegħu li tiftaħ il-ħajja pubblika tiegħu u li turi l-missjoni ċara li huwa għadu jwettaq fuq din l-art. 

Fil-leħen mis-sema li jtenni DAN HUWA IBNI L-GĦAŻIŻ, FIH IL-GĦAXQA TIEGĦI, insibu l-konferma ta’ dak li Ġesù ġie biex iwettaq fuq din l-art:  ir-rieda tal-Missier, it-twettiq fit-totalità tal-Pjan tas-Salvazzjoni.  Huwa l-mument li fih jitħabbar b’mod solenni: is-sema miftuħ, il-ħamiema, il-leħen tal-Missier, il-ħidma u l-missjoni li Ġesù ġie biex iwettaq.

Il-festa tal-lum hija mument importanti għalina l-Insara mhux biss għax naraw il-mandat li għandu Ġesù biex iwettaq il-missjoni tiegħu, iżda wkoll għaliex fl-istess mument nagħrfu li fil-Magħmudija ta’ kull wieħed u waħda minna rċevejna sejħa biex inxandru u nħabbru li s-Saltna tas-Smewwiet tinsab diġà fostna. 

  • Fl-ħajja tagħna ta’ kuljum, kemm tassew qed ngħixu b’konvinzjoni dak li rċevejna fil-magħmudija?
  • Ejjew nikbru bħala  komunità ta’ fidi u nħossuna dejjem iżjed parti minnha.
  • Ejjew inħossu, kull ħin, il-preżenza ta’ Kristu li jfejjaqna minn ħtijietna u li jimxi magħna fi dmirijietna!
  • Ġesu Kristù huwa l-Qaddej ta’ Alla li wettaq ir-rieda ta’ Missieru. Bħalu, u bl-għajnuna tiegħu  inkunu dejjem disposti li nwettqu r-rieda ta’ Alla fil-ħajja tagħna!

Mulej, qawwina bil-grazzja,biex nifhmu d-dmirijiet li rċevejna fil-Magħmudija tagħna.
Għinni nfittxek kull ħin fil-Kotba Mqaddsa u fl-Ewkaristija, ħa nsaħħaħ dak li writt fil-Magħmudija.

RUĦI TFAĦĦAR IL-KOBOR TAL-MULEJ!

Nimxu fuq l-eżempju ta’ Marija…

RADJU LAURETANA     

Grazzi kbira lill-voluntiera li tawna tant programmi u xandiriet sbieħ. L-iskeda tal-Għid tibda s-Sibt 6 ta’ April. Awguri lill-familja Busuttil li rebħet il-presepju bin-numru 226.

IL-KWADRU TAL-MADONNA TA’ PINU FOSTNAMis-Sibt 19 sal-Ħadd 20 ta’ Jannar

Jumejn ta’ grazzja  speċjali għall-parroċċa tagħna.
kollna fostna l-Kwadru Mirakoluż tal-Madonna ta’ Pinu fil-Knisja Parrokkjali tagħna.

GRAZZI MILL-QALB:

Għall-Knisja NN-€300; Għall-iscaffolding tal-knisja NN-€300; Għas-sagristiji NN-€20. Għall-iscaffolding waqt il-maratona ta’ ġbir fuq Radjulauretana-€670. Inkomplu ngħinu biex nilħqu s-somma ta’ €4100 (kemm jiswa l-iscaffolding)

GĦOTI TA’ DEMM  fil-Berġa l-ġdida tax-Xewkija t-Tlieta 15 ta’ Jannar mis-1pm sas-5pm.

MILL-KNISJA TA’ SANT’ANTNIN

Fit-18 ta’ Jannar:pizza night u tombla b’risq in-nar tal-festa ta’ Sant’ Antnin. Għall-biljetti u/jew trasport ibbukjaw ma’ xi membru mill-Għaqda 13 ta’ Ġunju jew ċemplu 79448921. – Weekend break San Antonio Hotel bejn it-22 u l-24 ta’ Frar b’risq il-festa ta’ Sant’Antnin. Min hu interessat iċempel fuq 79448921 sal-15 ta’ Jannar.

OFFERTI GĦALL-BULLETTIN

  • Rita Bonnici toffri €50 b’suffraġju ta’ oħtha Rosy Gauci f’għeluq l-ewwel sena mill-mewt tagħha fit-2 ta’ Jannar, għal missierha Wenzu u ommha Karmena u ħutha Leli u Fredu Gauci.
  • Il-familji Galea u Azzopardi joffru €20 b’suffraġju ta’ Carmelo Galea f’għeluq it-22 sena mill-mewt tiegħu fis-16 ta’ Jannar.

Agħtihom O Mulej il-mistrieħ ta’ dejjem

Ġimgħa tal-Azzjoni Kattolika

21 ta’ Jannar – 25 ta’ Jannar 2019

It-Tnejn, 21 ta’ Jannar 2019

Tiftaħ il-ġimgħa, b’quddiesa fis-6pm fil-Parroċċa. Mistieden kulħadd, b’mod speċjali l-membri kollha kemm nisa u rgiel tal-Azzjoni Kattolika.

Wara l-quddiesa, laqgħa għall-membri kollha (irgiel u nisa)  tal-Azzjoni Kattolika, fil-Knisja l-Qadima minn Dun Roberto Gauci. Mistieden l-Ass. Ekk. Dun Noel Saliba.

It-Tlieta, 22 ta’ Jannar 2019

Irtir tal-Azzjoni Kattolika għand is-Sorijiet Agostinjani immexxi minn Fr Simon Cachia.

 8:30am Qrar u fid- 9:00am: Salmi u l-ewwel taħdita

10:00am Waqfa għall-kafe’

10:30am It-tieni taħdita u wara ħin ghad-diskussjoni

11:30am Quddiesa u f’12:00pm: Ikel

 1:30pm Siegha Adorazzjoni bir-Rużarju, Barka  u għeluq

Għal min jixtieq jiekol magħna f’din il-ġurnata, il-ħlas huwa ta’ €10 (kafe’ inkluż), filwaqt li dawk li jixtiequ jieħdu kafe’ biss, il-ħlas huwa dak ta’ €2. Biex tibbukja għall-ikel, ċemplu lil Antonia Xerri fuq 21553470 jew 79909199, jew lil Margaret Sultana fuq 21550980.  Żmien sal-Ħadd, 20 ta’ Jannar 2019.

L-Erbgħa, 23 ta’ Jannar 2019  Xogħol volontarju

Il-Ħamis, 24 ta’ Jannar 2019  Żjarat lill-morda u lill-anzjani, kemm fir-raħal tagħna kif ukoll dawk li jinsabu fi sptarijiet jew fi djar tal-anzjani.

Il-Ġimgħa, 25 ta’ Jannar 2019

Għeluq tal-Ġimgħa tal-Azzjoni Kattolika

3:30pm Adorazzjoni fil-Knisja l-Qadima mill- Arċ. Dun Frankie Bajada, Rużarju, Tesserament u Barka Sagramentali

4:30pm Quddiesa

ILQA’ FI ĦDANEK MULEJ  

  • Ir-ruħ għażiża ta’ Alfred Gauci li ġie jiltaqa’ miegħek fis-6 ta’ Jannar fl-eta’ ta’ 69 sena.
  • Ir-ruħ għażiża ta’ Ċensina Debattista li ġiet tiltaqa’ miegħek fis-7 ta’ Jannar fl-eta’ ta’ 73 sena.

Agħtihom O Mulej il-mistrieħ ta’ dejjem

Bullettin 6 ta’ Jannar 2019

L-Epifanija tal-Mulej

WIRJA  GĦAL  KULĦADD

Deheb, Inċens u Mirra huma t-tliet rigali li offrew il-Maġi lil Ġesù.  Fihom il-Knisja dejjem rat tifsira spiritwali.  Dik it-tarbija kienet Alla, iżda bħala bniedem kellu jgħaddi mit-tbatija. 

Ir-rigali setgħu wkoll kienu l-għodda li bihom il-Maġi kienu jwettqu s-sengħa tagħhom.  It-tarbija ta’ Betlem bidlithom u l-passat xtaqu jħalluh warajhom.  Illum fl-Ewkaristija aħna l-Insara se nilqgħu l-manifestazzjoni ta’ Alla li, biex isaltan fuqna bl-imħabba, ried ibati għalina.  Importanti li lkoll kemm aħna nilqgħuh billi nħallu l-imgħoddi warajna.

Fl-Ewwel Qari mill-Ktieb tal-Profeta Isaija nsibu li, meħlusin mill-jasar ta’ Babel, il-Lhud ġejjin lura Ġerusalemm.  Fuqna qiegħda issa tiddi d-dija tal-Mulej bil-glorja tiegħu.  Il-ġnus kollha se jingħaqdu mal-Lhud lejn dan id-dawl. Is-Salm 71 huwa għanja ta’ tifħir għax il-ġnus kollha tal-art jagħtu qima lill-Mulej.  It-Tieni Qari, meħud mill-Ittra lill-Efesin, juri li l-Pjan ta’ Alla għas-salvazzjoni m’huwiex għal-Lhud biss, iżda għal kulħadd.  Fil-Vanġelu ta’ San Mattew għandna ż-żjara tat-tliet slaten Maġi li nsew il-passat u d-dinjità tagħhom u ġew jaduraw lil Ġesù.

  • X’offrejnielu lil Ġesù Bambin dan il-Milied? Ikel, xorb u divertiment?  Offrejna l-istess ħajja tagħna mingħajr kompromessi mal-ħażen ta’ kuljum?
  • Kemm tassew ilkoll kemm aħna lesti li nħallu l-passat warajna u naduraw u nxandru lil Ġesù fl-ambjent tagħna?
  • X’qed noffrulu lil Ġesù kuljum? Kemm qed infittxuh fil-proxxmu tagħna?  Kemm qed nagħtuh il-fiduċja tagħna lkoll?
  • Il-Mulej wera lilu nnifsu lilna. Qegħdin naħdmu biex inwassluh ħalli jidher f’dawk ta’ madwarna?

Mulej Ġesù
Inti ġejt fid-dinja u wrejt ruħek lil kulħadd
biex kulħadd ikun jaf bik.

Għinna sabiex nagħtu xhieda tiegħek,
f’dawk ta’ madwarna, sabiex tassew, it-twelid tiegħek
iġedded qlubna, ħajjitna u l-ambjent tagħna,
u ngħixu l-fidi tagħna bi sfida kull ħin għall-egoiżmu li jiġri magħna.

Grazzi, o Ġesù
li nżilt ħdejna u wrejt ruħek
lill-ġnus kollha.

RUĦI TFAĦĦAR IL-KOBOR TAL-MULEJ!

Nimxu fuq l-eżempju ta’ Marija…

MARATONA TA’ GĦOTJIET GĦALL-KNISJA

Is-Sibt u l-Ħadd 5 u 6 ta’ Jannar, 2019.

Aslu wasla sal-istudios ta’ Radju Lauretana. Għal kull għotja ta’ €10 għall-iscaffolding li xtrajna dan l-aħħar, tingħataw ċans li tirbħu kwadru verament sabiħ tal-Madonna ta’ Loreto. Dan il-kwadru tistgħu tarawh fl-istess studios. Narawkom.

NAGĦTU D-DEMM

Il-Ħadd 6 ta’ Jannar fil-Berġa tax-Xewkija bejn it-8am u s-1pm.

FESTA TAS-SANT’INFANZJA

It-Tlieta 8 ta’ Jannar niltaqgħu fil-knisja parokkjali: it-tfal minn Yr 3 ‘il fuq, il-katekisti u s-soċji kollha għall-festa tas-Sant’Infanzja. Ikollna l-quddiesa fil-5.15pm quddiem ix-xbieha ta’ Ġesu Tfajjel. It-tfal imħeġġa jġibu magħhom offerta għat-tfal tal-missjoni.

       IL-FESTI TAL-MILIED      għaddew

GRAZZI u PROSIT

  • Lil dawk kollha li ħadmu bla heda biex tiżżejjen il-knisja – ġewwa u barra, u biex tellajna tant attivitajiet matul dawn il-ġranet sbieħ.
  • Lis-Soċji tal-Museum kollha u lill-katekisti li bis-sehem kbir tagħhom stajna nagħmlu novena verament sabiħa u tant attivitajiet għat-tfal tagħna fl-oqsma tad-duttrina u fiċ-Ċentru Parrokkjali..
  • Lill-voluntiera kollha li jieħdu ħsieb il-knisja parrokkjali u l-qadima, it-tindif ta’ dawn iż-żewġ knejjes u l-fundraising meħtieġ.

OFFERTI GĦALL-BULLETTIN

  • Agnes Xuereb toffri €20 għall-ispejjeż tal-bullettin b’suffraġju ta’ missierha Karmnu Xuereb f’għeluq id-19-il sena mill-mewt tiegħu fl-10 ta’ Jannar.
  • Carmela u Joseph Ciantar joffru €30 għall-ispejjeż tal-bullettin b’suffraġju ta’ Pawlu Ciantar f’għeluq it-3 snin mill-mewt tiegħu fis-6 ta’.

Agħtihom O Mulej il-mistrieħ ta’ dejjem

GRAZZI MILL-QALB

Miriam Buttigieg toffri €100 għall-Knisja b’suffraġju ta’ żewġha Martinu Buttigieg u għar-ruħ Mons. Ġużeppi Zerafa.

Għall-Iscaffolding: NN – €100, NN – €50.

NERĠGĦU NAQBDU R-RITMU

Mill-ġimgħa d-dieħla, it-tfal jerġgħu jirritornaw fuq il-bankijiet tal-iskola, u nerġgħu naqbdu r-ritmi ta’ kuljum. Id-Duttrina, laqgħat tal-adoloxxenti, laqgħat tal-kbar, formazzjoni tal-għarajjes, kollox  jerġa’ jirranka.

GĦALHEKK inħeġġu lil kulħadd biex mill-ġdid nitħeġġu u natttendu għal-laqgħat.

KONFERENZA DJOĊESANA

Il-Kummissjoni Familja tad-Djoċesi ta’ Għawdex qed torganizza konferenza bis-suġġett “X’ikissirha l-familja? Kif naffrontaw l-isfidi ta’ llum?  Il-kelliema ewlenija ser tkun Ms. Carmen Delicata, family therapist u lecturer fl-Institute of Family Therapy (Malta). Il-Konferenza ser tinzamm is-Sibt 26 ta’ Jannar mill-5pm sat-8pm, f’Villa Fiorita.

APPLIKAZZJONIJIET GĦAD-DĦUL FIL-KINDER ONE FL-ISKEJJEL TAL-KNISJA

L-applikazzjonijiet għad-dħul fil-Kinder 1 fl-iskejjel tal-Knisja għas-sena 2019/2020 jistgħu jimtlew mit-Tnejn 14 ta’ Jannar 2019 sal-Ġimgħa 18 ta’ Jannar 2019, bejn it-8.30am u s-2:30pm. It-tfal iridu jkunu twieldu fl-2016. L-iskejjel li se jilqgħu tfal fil-Kinder 1 huma Bishop’s Conservatory Junior School fir-Rabat, St. Francis fir-Rabat, St Theresa f’Ta’ Kerċem, u Laura Vicuna fir-Rabat u fl-Għasri.

L-applikazzjonijiet jimtlew fl-uffiċċju tas-Segretarjat tal-Edukazzjoni Nisranija, Triq Dun Karlu Bondì, ir-Rabat (it-Trejqa maġenb il-Kurja)

ILQA’ FI ĦDANEK MULEJ  

  • Ir-ruħ għażiża ta’ Mikieli Debono li ġie jiltaqa’ miegħek fis-27 ta’ Diċembru fl-għomor ta’ 96 sena.
  • Ir-ruħ għażiża ta’ Ġużepp Axiaq li ħalla din il-ħajja fit-28 ta’ Diċembru fl-età ta’ 82 sena.

Agħtihom O Mulej il-mistrieħ ta’ dejjem

Bullettin 30 ta’ Settembru 2018

Is-26 Ħadd Matul is-Sena

TAZZA ILMA!

Hemm bżonn li ninbidlu biex nimxu wara Ġesù.  Il-bidla trid tkun waħda radikali, mill-qiegħ.  Dan jenfasizza San Mark fil-messaġġ li jagħti fil-Vanġelu tal-lum. 

Hemm bżonn li jkollna qalb kbira lejn dawk li huma tal-Messija.  Il-bidla tista’ sseħħ meta aħna nagħmlu bis-serjetà konverżjoni lejn il-Mulej, konverżjoni li tibda mill-fatt li aħna midinbin.  Irridu nagħrfu x’inhu d-dnub tagħna u nagħmlu minn kollox biex inwarrbuh mill-għemil tagħna.

Bħala Nsara nistgħu nikbru fl-imħabba lejn Ġesù jekk minflok nippuntaw is-saba’ ta’ ħtija lejn min huwa fil-ħażen, neżaminaw ftit lilna nfusna.

Ilkoll kemm aħna għonja ta’ xi ħaġa. Jeħtieġ li naqsmu dak kollu li għandna ma’ ħaddieħor.

Kemm fl-Ittra ta’ San Ġakbu kif ukoll fil-Vanġelu ta’ San Mark issir enfasi għall-għajnuna u l-karità. Mingħajr dan il-pedament għalxejn tkun kull stqarrija tagħna bil-kliem li aħna tal-Mulej.

  Mulej,għinni nagħraf il-ħtija tiegħibiex tassew naqta’ minni kull dnub,ħalli kull ħin inwettaq biss ir-rieda tiegħek.

FTUĦ tas-SENA PASTORALI ĠDIDA

Fil-Festa tal-Madonna tar-Rużarju fis-7 ta’ Ottubru, li din is-sena taħbat proprju l-Ħadd, niċċelebraw il-ftuħ tas-sena pastorali l-ġdida. Stedina lit-tfal kollha li ser ikunu jattendu t-tagħlim tal-Katekiżmu, il-ġenituri, Niltaqgħu kollha flimkien fil-Knisja Parrokkjali għall-quddiesa tal-5pm u wara għall-manifestazzjoni u t-talba tar-Rużarju fuq iz-Zuntier tal-Knisja. Kulħadd mistieden iġib xemgħa żgħira għal waqt it-talba tar-rużarju fuq iz-zuntier.

ĦIN TAL-QUDDIES

Mit-Tnejn 1 ta’ Ottubru, 2018, il-quddiesa ta’ filgħaxija mit-Tnejn sas-Sibt tkun fis-6pm. Il-quddies l-ieħor kollu jibqa’ fl-istess ħin.

  • NGĦINU  LIL HOSPICE MALTA

Wara l-quddies kollu fil-knejjes kollha tagħna dan il-weekend ser ikollna voluntiera tal-Hospice Malta biex jilqgħu l-offerti tagħna b’risq din l-għaqda li taħdem ħafna ma’ dawk li jkunu għaddejjin minn mumenti diffiċli minħabba l-mard.

INKUNU ĠENERUŻI U NAGĦTU MINN QALBNA>>>>

JIBDA T-TAGĦLIM TAL-KATEKIŻMU

LAQGĦAT GĦALL-ĠENITURI

Matul din il-ġimgħa ser ikollna dawn il-laqgħat għall-ġenituri fiċ-Ċentru Parrokkjali fil-5.00pm.

– IT-TNEJN 1 ta’ Ottubru: Years 2 u 3.

– IT-TLIETA 2 ta’ Ottubru: Years 4, 5 u 6.

– IL-ĦAMIS 4 ta’ Ottubru: Year 1

KATEKIŻMU TAL-YEARS 4, 5 U 6.  

Kif għidnielkom, ħejjejna programm apposta u ġdid għat-tfal f’dawn is-snin tal-primarja biex l-esperjenza tal-katekiżmu tkun waħda sabiħa u formattiva għalihom.  Il-Parroċċa flimkien u permezz tas-Soċji tal-Museum tal-bniet u tas-subien u intom il-Ġenituri, irridu naħdmu biex ngħinu lil dawn it-tfal tagħna jikbru fil-fidi u l-ħajja nisranija – Ma’ dawn iċ-ċkejknin irridu nikbru aħna wkoll fl-impenn tagħna li ngħixu sewwa l-fidi tagħna u li ngħadduhielhom bl-akbar responsabiltà u entużjażmu.

B’impenn u b’responsabiltà, wasalna għal ġranet u ħinijiet li jimmiraw biex inaqqsu l-iskariġġ tal-ġenituri. Years 4, 5, u 6 Subien u Bniet:

IT-TLIETA u L-ĠIMGĦA fil-5.15pm.

Dettalji dwar il-laqgħat, il-postijiet u l-attivitajiet għal dawn is-snin jingħataw fil-laqgħa għall-ġenituri ta’ nhar it-Tlieta 2 t’Ottubru.  

AKTAR TAGĦLIM

TAL-GRIŻMA – Form 1 (Yr7)

Museum Subien- Tnejn, Tlieta, Ħamis u Ġimgħa-6.45pm.

Museum Bniet – IT-TLIETA u l-ĠIMGĦA fl-4.15pm.

Form 2 (Yr8) ‘il fuq:

Museum Subien- Tnejn, Tlieta, Ħamis u Ġimgħa-6.45pm.

Museum Bniet – Il-Ħamis fil-5.15pm.

ADOLEXXENTI

Forms 2 u 3  (Years8 u 9) li ma jmorrux Museum: Nhar ta’ Ġimgħa fis-7pm fiċ-Ċentru Parrokkjali.

Form 4 (Yr 10) ‘il fuq Nhar ta’ Ġimgħa fit-8pm fiċ-Ċentru Parrokkjali.  

Imexxi dawn il-laqgħat Fr. Simon Cachia.

JIBDA OTTUBRU … ix-xahar tar-rużarju. Matul dan ix-xahar ngħidu kuljum din it-talba għażiża.

RUŻARJU FIL-BERAĦ

  • It-Tlieta: Pjazza Tolfa – 5pm
  • It-Tlieta: Ħdejn l-iskola – 2.00pm.
  • Il-Ħamis: Triq il-Qiegħan – 5pm.

GRAZZI MILL-QALB

NN. ringrazzjament lill-Madonna €500. NN. Triq Ħamri-għas-sagristiji €500.

AZZJONI KATTOLIKA Fergħa Irġiel Nhar ta’ Tnejn wara l-quddiesa ta’ filgħaxija. Il-laqgħat jibdew it-Tnejn 8 ta’ Ottubru.

MILL-ISKOLA PRIMARJA: Il-Ġimgħa 5 ta’ Ottubru, quddiesa fis-1pm u wara tberik tal-pets fl-okkażjoni tal-festa ta’ San Franġisk. Il-ġenituri mistiedna lkoll.

L-EWWEL ĠIMGĦA U SIBT TAX-XAHAR

Il-Ġimgħa 5 ta’ Ottubru, l-Adorazzjoni Ewkaristika tkun fil-Knisja Parrokkjali minn wara l-quddiesa tad-9am. Is-Sibt 6 ta’ Ottubru fil-Knisja l-Qadima fit-3.30pm rużarju u wara quddiesa. L-Adorazzjoni tissokta sad-9pm.

ILQA’ FI ĦDANEK MULEJ

Ir-ruħ għażiża ta’ Angela Xuereb li inti sejjaħtilha għal għandek minn ħdan il-kommunità parrokkjali tagħna nhar is-6 ta’ Settembru fl-għomor ta’ 96 sena.

Agħtiha O Mulej il-mistrieħ ta’ dejjm.

IL-PROĠETT TAL-ORGNI: NN – Grazzi.

Veronica Buttigieg toffri €100 għall-orgni b’suffraġju ta’ żewġha Frenċu Buttigieg f’għeluq it-12-il  sena mill-mewt tiegħu fl-1 ta’ Ottubru u għal ruħ ommu u missieru.

OFFERTA GĦALL-BULLETTIN

  • Sunta Buġeja toffri €20 b’suffraġju ta’ żewġha Toni f’għeluq ir-4 sena minn mewtu fid-29 ta’ Settembru.

Agħtih O Mulej il-mistrieħ ta’ dejjem

Bullettin 16 ta’ Settembru 2018

HENJIN DAWK LI JĦENNU!

Waqt l-omelija fil-quddiesa fil-kappella tad-Dar Santa Marta l-Ħamis 13 ta’ Settembru 2018:  il-Papa Franġisku fakkar li l-insara m’għandhomx jimxu wara l-ispirtu tad-dinja imma jgħixu “l-ġenn tas-salib”

Mhux ħafifa li tkun nisrani, imma n-nisrani hu hieni: it-triq li jurina l-Missier Ċelesti hi dik tal-ħniena u tal-paċi interjuri.  Il-Papa Franġisku spjega ċar liema huma l-karatteristiċi li jsawru l-istil nisarni: l-eżempju, il-Beatitudnijiet u l-Opri tal-Ħniena.   Il-liturġija tal-lum, issokta jgħid Franġisku, tqiegħed quddiemna erba’ dettalji li bihom ngħixu l-ħajja nisranija: ħobb lill-għadu, għamlu l-ġid li min jagħmlilkom id-deni, bierku ‘l min jisħetkom, itolbu għal min iġib ruħu ħażin magħkom.

Il-Papa Bergoglio osserva li n-nisrani qatt m’għandu jieħu sehem fit-tqassis jew fil-loġika tal-insulti, għax dawn iqajmu l-gwerer,  imma għandu dejjem ifittex li jitlob għall-persuni li jtuh fastidju.

Dan hu l-istil nisrani, dan hu l-mod li bih għandu jgħix in-nisrani.  “U jekk jien dawn l-erba’ affarijiet ma nagħmilhomx? Allura jekk ma nħobbx lill-għadu, ma nagħmilx il-ġid lil min għamilli d-deni, ma nberikx lil min jisħetni, ma nitlobx għal min jimxi ħażin miegħi, jien m’inix nisrani?”  Iva, int nisrani qal il-Papa, għax irċevejt il-Magħmudija, imma m’initx tgħix ta’ nisrani.

Huma biss dawk li jħennu li jixbhu lil Alla l-Missier.  ‘Ikollkom ħniena bħalma hu ħanin Missierkom’.

Din hi t-triq: li tmur kontra l-ispirtu tad-dinja, li taħseb bil-maqlub, li ma takkużax lill-oħrajn.  Għax fostkom hemm l-akkużatur il-kbir u meta jien nidħol f’dil-loġika ta’ akkużatur, li nisħet, li nipprova nagħmel id-deni lill-ieħor, inkun qed nidħol fil-loġika tal-akkużatur il-kbir li jeqred, li ma jafx bil-kelma ħniena, għax qatt ma għixha.

Għalhekk il-ħajja, kompla jgħid il-Qdusija Tiegħu, titbandal bejn żewġ stediniet: dik tal-Missier u dik tal-akkużatur il-kbir li jimbuttana biex nakkużaw lill-oħrajn, biex inkissruhom.

Tgħiduli; Imma haddieħor qed jipprova jkisser lili!  Iva, imma int ma tistax tagħmel l-istess lill-ieħor, ma tistax tidħol fil-loġika tal-akkużatur.  L-akkuża waħdanija li għandna nagħmlu aħna l-insara hi li nakkużaw lilna nfusna. Għall-oħrajn ħniena biss, għax aħna wlied il-Missier li hu biss ħniena.

FTUĦ tas-SENA PASTORALI ĠDIDA

Fil-Festa tal-Madonna tar-Rużarju fis-7 ta’ Ottubru, li din is-sena taħbat proprju l-Ħadd, niċċelebraw ukoll il-ftuħ tas-sena pastorali l-ġdida. Niltaqgħu kollha flimkien fil-Knisja Parrokkjali għall-quddiesa tal-5pm u wara għall-manifestazzjoni u t-talba tar-Rużarju fuq iz-Zuntier tal-Knisja.

Ma’ Marija, matul din is-Sena Pastorali, aħna nimxu fuq kliemha stess u nħalluh imexxina u jdawwalna:

RUĦI TFAĦĦAR IL-KOBOR TAL-MULEJ!

Dan ser ikun il-motto għal din is-sena li ġejja quddiemna u jibqa’ jmexxina wkoll sal-festa Parrokkjali.

Formazzjoni Kateketika tat-tfal wara l-Ewwel Tqarbina sal-Griżma

Bħalissa għaddejja ħidma kbira biex il-Parroċċa tfassal programm ta’ formazzjoni għat-tfal, subien u bniet, li din is-sena ser ikunu fil-years 4-7.

Il-Parroċċa, flimkien mas-Soċji tal-Museum qegħdin naħdmu flimkien biex, bil-għajnuna ta’ Alla, tal-Madonna u ta’ San Ġorġ Preca, inġeddu u nsaħħu l-formazzjoni nisranija ta’ dawn uliedna.

Importanti f’din il-formazzjoni ser ikun l-involviment tal-ġenituri, biex huma wkoll jinżlu aktar fil-fond tal-fidi nisranija li qed jgħixu bħala edukaturi ta’ wliedhom.  Aktar dettalji fil-bullettini li jmiss.

Minn issa nagħmlu sejħa għal tant entużjażmu u koperazzjoni biex noffru l-aħjar formazzjoni nisranija lit-tfal tagħna. Nitolbu ħafna għal din l-opra qaddisa.

NERĠGĦU NFAKKRU: TFAL YEAR 1, 2 u 3.

Il-laqgħat għal dawn it-tfal ikunu fiċ-Ċentru Parrokkjali bejn l-4 u l-5pm fil-ġranet indikati hawntaħt:

YEAR 1: 2 Gruppi nhar ta’ Erbgħa

YEAR 2: 2 Grupp It-Tnejn u l-Erbgħa u ieħor it-Tlieta u l-Erbgħa. YEAR 3: Grupp It-Tnejn u l-Erbgħa u  ieħor it-Tlieta u l-Erbgħa

AZZJONI KATTOLIKA – Fergħa Nisa

Il-laqgħat ikunu nhar ta’ Ħamis fit-8.15am wara l-quddiesa fiċ-Ċentru Parrokkjali. Jibdew il-Ħamis 27 ta’ Settembru.

LAQGĦAT TĦEJJIJA GĦALL-ĦAJJA TAŻ-ŻWIEĠ U L-FAMILJA

Il-koppji għarajjes li jixtiequ jattendu għall-Mixja ta’ tħejjija għaż-żwieġ u għall-ħajja tal-familja huma mħeġġa jiġbru formola u jerġgħu jwassluha fl-uffiċċju parrokkjali biex f’Ottubru nibdew il-laqgħat.

GRAZZI MILL-QALB

  • Il-Parroċċa tagħna flimkien mal-membri tal-Museum iroddu ħajr lis-superjur Pawlu Grech li għal dawn l-aħħar 9 snin kien responsabbli mill-qasam tagħna. Żgur li din il-ħidma swietlu ħafna xogħol u sagrifiċċju. Issa li s-soċjetà bagħtitu fil-qasam tax-Xagħra, nawgurawlu li ħidmietu tħalli ħafna frott.
  • Nawguraw ukoll ħidma sfiqa lil Frankie Pisani li issa ser ikun responsabbli mill-oqsma tal-Qala u ta’ Għajnsielem. U mieghu nawguraw ukoll lil Ritchie Grech li ser jagħti s-sehem tieghu fl-istess oqsma. Nitolbu għalihom għax l-appostolat tat-tagħlim mhux għażla faċli.
  • Nirringrazzjaw ukoll lil Rozina Zammit li, wara snin twal tgħin fit-tqassim tal-Bullettin u l-liturġija, issa irtirat minn dan l-impenn kif ukoll lil Ġużepp Buttigieg li kien jgħin fil-liturġija. L-eżempji ta’ mpenn ta’ dawn il-persuni huma ta’ min jimitahom.

GĦOTI TAD-DEMM F’GĦAWDEX – Il-Ħadd 16 ta’ Settembru waqt l-attività Health Awareness Day fiż-żona tal-Iskola Primarja u l-Berġa tax-Xewkija. Dakinhar il-pubbliku hu mistieden biex jattendi għall-attivitajiet ta’ divertiment u għarfien dwar is-saħħa, u fl-istess ħin ikun jista’ jagħti d-demm mit-8:00am sas-1:00pm.

IL-PROĠETT TAL-ORGNI –

Michelina u Joe Vassallo – Us$1000; NN – €100; Offerti mill-Wirja ta’ Frankie Buttigieg – €100. L-offerta ta’ Marlene u Max Xuereb kienet  Us$500. GRAZZI KBIRA MILL-QALB!

Bullettin 2 ta’ Settembru 2018

KELLNA FESTA SABIĦA TASSEW!

KELLNA FESTA SABIĦA TASSEW!

Il-festa ġiet u marret. Jidher ċar li l-ħidma li saret minn qabel mill-għaqdiet kollha tal-festa fi ħdan il-Kumitat Ċentrali tal-Festa ħalliet il-frott meħtieġ.

Ħafna kienu dawk li attendew għall-funzjonijiet tal-knisja u resqu għas-sagramenti tal-qrar u tat-tqarbin.

L-appelli għall-moderazzjoni u d-dekor fil-marċijiet, speċjalment fil-marċ tal-Ġimgħa, ma waqgħux fuq widnejn torox u bil-kooperazzjoni ta’ kulħadd, kellna marċ sabiħ, ferrieħi u brijuż li żamm mal-ħinijiet stipulati u li laħaq il-qofol tiegħu fil-misraħ tal-knisja bil-wasla tal-istatwa tal-Madonna tad-Dar fuq il-pedestall tagħha.

Ix-xita u l-maltemp tellfu xi ftit mill-andament tal-festa fil-bidu tal-ġimgħa tal-festa. Minkejja dan, il-festa tagħna rnexxielha tiġbed tant folol ta’ nies fl-aħħar jiem tal-ġimgħa tal-festa, bil-qofol ikun il-Ħadd filgħaxija fil-ħruġ u d-dħul tal-purċissjoni. Tieħu gost tinnota wkoll il-preżenza tan-nies tagħna wara l-purċissjoni magħquda flimkien bit-talba tar-rużarju.

Anke x-xandir permezz ta’ RadjuLauretana, l-internet u t-televiżjoni permezz tal-Fundazzjoni U u fLiving fetaħ tieqa fuq il-parroċċa tagħna u tana okkażjoni mill-aqwa biex inwasslu messaġġ sabiħ u qawwi tul il-ġranet tal-festa.

J’Alla t-tajjeb li ħalliet din il-festa nġorruh magħna tul is-sena kollha ħalli nkomplu nibnu fuqu u dejjem nagħmlu minn kollox biex il-festa tagħna tkun xhieda ta’ komunità parrokkjali ħajja li tgħix dak li temmen, kif kien il-motto tas-sena pastorali li għalaqniha  bil-fesa: Fih Ngħixu, Nitħarrku u Aħna. Wara festa sabiħa kelma waħda nixtiequ nwasslu:

RADJU LAURETANA 89.3FM

Id-direzzjoni ta’ Radju Lauretana tixtieq tirringrazzja lill-voluntiera kollha li taw is-sehem siewi tagħhom biex setgħet tittella’ skeda ta’ kwalita’, bi programmi u xandiriet li paxxew lil tant u tant semmiegħa u li segwew l-istazzjon minn kull rokna tad-dinja. Grazzi kbira lil dawk kollha li offrew it-talb u d-donazzonijiet tagħhom għar-radju. L-iskeda tal-Milied tibda s-Sibt 8 ta’ Diċembru 2018.

NAGĦTU D-DEMM

Fil-Berġa tax-Xewkija l-Ħadd, 2 ta’ Settembru mit-8am sas-1pm.

L-EWWEL ĠIMGĦA TAX-XAHAR

Il-Ġimgħa 7 ta’ Settembru l-Adorazzjoni Ewkaristika tkun fil-Knisja Parrokkjali wara l-quddiesa tad-9am u tkompli sal-quddiesa tas-7pm.

L-ADORAZZJONI FIL-KNISJA L-QADIMA

Wara l-waqfa għall-jiem tal-festa, l-Adorazzjoni tissokta matul il-ġimgħa, mit-Tnejn sas-Sibt mit-8am sa 12pm.

FESTA TAT-TWELID TAL-VERĠNI MARIJA

Is-Sibt 8 ta’ Settembru l-quddies fil-Knisja Parrokkjali jkun 6, 8, 10am u 5pm.

RIVISTA GĦAJNSIELEM

Min jixtieq aktar kopji tar-rivista Għajnsielem tistgħu tmorru d-Dar Parrokkjali.

OFFERTA GĦALL-BULLETTIN

  • Manwela Azzopardi toffri €20 għall-ispejjeż tal-bullettin b’suffraġju ta’ żewġha Ganni Azzopardi f’għeluq l-14-il sena mill-mewt tiegħu fil-5 ta’ Settembru.
  • Mariella Cauchi toffri €20 għall-ispejjeż tal-bullettin b’suffraġju ta’ Maria u Publius Xuereb  f’għeluq l-anniversarju mill-mewt tagħhom fit-3 ta’ Settembru.

Agħtihom O Mulej il-mistrieħ ta’ dejjem

LAQGĦAT TĦEJJIJA GĦALL-ĦAJJA TAŻ-ŻWIEĠ U L-FAMILJA

Il-koppji għarajjes li jixtiequ jibdew jattendu, jew ikomplu, l-Mixja ta’ tħejjija għaż-żwieġ u għall-ħajja tal-familja huma mħeġġa javviċinaw lill-Arċipriet biex japplikaw.  

Din is-sena l-laqgħat jibdew għall-aħħar ta’ Ottubru u jintemmu għall-aħħar ta’ Frar.  

Infakkru li dawk li jixtiequ jiżżewgu fil-Knisja jeħtiġilhom itemmu dawn is-sentejn ta’ formazzjoni qabel ma’ jiċċelebraw is-sagrament taż-żwieġ. Inħeġġu lill-għarajjes u namrati f’relazzjoni stabbli biex jattendu għal dawn il-laqgħat, anke jekk għadhom ma ddeċidewx id-data taż-żwieġ tagħhom. Ser ikunu qed jinżammu wkoll laqgħat f’Malta għal dawk l-għarajjes li jistudjaw jew jaħdmu Malta u ma jistgħux jattendu għal-laqgħat Għawdex.

GRAZZI MILL-QALB:

Ġabra Ħruġ Vara min-niċċa €3181.

Ġabra Ħruġ Purċissjoni €2301.6 u Us$1200.

Għas-Sagristiji NN€2018.

Għall-Madonna: Marlene u Max Rapa $400.

TILQIMA TAL-INFLUENZA – FLU VACCINE

Nixtiequ navżaw li dawk li għandhom ‘l fuq minn 55 sena jew ibatu minn xi mard kroniku, jistgħu jirreġistraw għat-tilqima tal-influenza billi jċemplu l-Kunsill fuq in-numru 21561515 sa mhux aktar tard mit-Tlieta 25 ta’ Settembru 2018.

IL-PROĠETT TAL-ORGNI –

GRAZZI KBIRA MILL-QALB!  NN €100, Loreta Zerafa mil-Lotterija b’risq orgni €100.

Bullettin 26 ta’ Awwissu – Il-Festa t-Tajba

IL-FESTA T-TAJBA!

Bla ebda dubju, il-kampnar tal-Knisja tagħna jidher mill-bogħod. Jiġbed l-għajn ta’ kull min ikun riesaq lejn il-gżira tagħna. L-istil gotiku lombard jispikka u jikkuntrasta mas-sema li joffri sfond uniku b’tant sfumaturi u kuluri.

L-istruttura tal-kampnar minnha nnifisha tgħinek titfa’ ħartsek ‘il fuq, tfakkar li fil-ħajja hawn Missier li jindokra lil kulħadd, li aktar milli jgħasses, jieħu ħsieb, ma jiġġudikax imma jħenn, li l-missjoni tiegħu hija dik li jħobb minkejja dak kollu li l-bniedem jaħseb, joħlom u jwettaq.

Għal ħafna żmien il-kampnar kien vojt. Iżda dawn l-aħħar snin, ġie mżejjen b’opri li jikkumplimentaw il-funzjoni tiegħu. Il-kampnar mhux sempliċiment binja twila u għolja, imma qiegħed hemm biex jaqdi, biex iwassal messaġġ. It-tmien qniepen li tpoġġew fl-ewwel sular tiegħu, frott il-ġenerożità tal-poplu tagħna, isemmgħu leħinhom u jħeġġu lill-poplu ta’ Alla jersaq lejn il-knisja ħalli permezz tal-liturġija joqrob lejn il-Ħallieq. Ħadd ma jiddubita mis-sbuħija ta’ dawn il-qniepen Franċiżi u xejn anqas il-ħoss ħelu li kapaċi jsemmgħu, kemm waħedhom, kemm meta jindaqqu flimkien, sinfonija f’armonija perfetta. L-arloġġi li tpoġġew riċentamemt komplew isebbħu l-kampnar u l-erba’ uċuh iwasslu messaġġ, mhux bil-kliem imma bis-simboli li huma mżejna bihom.

F’dak kollu li naraw fil-knisja huwa importanti li ma niqfux biss fl-apparenza u nehdew nitpaxxew bil-ġmiel li joffru tant opri, imma huwa ferm importanti li wieħed jifhem il-messaġġ li dawn kapaċi jwasslu. L-istess il-festa. Jekk naraw il-qoxra ta’ barra biss, allura l-festa tiġi biss biex naqtgħu ftit mir-rutina tal-ħajja u ngħaddu ġimgħa niddevertu u nixxalaw, street party kbir. Tgħaddi l-festa, jintemm kollox, qisu qatt ma kien xejn.

Aħna qed niċċelebraw festa reliġjuża li l-għan prinċipali tagħna hu li permezz ta’ Sidtna Marija taħt it-titlu ta’ Loreto, nersqu aktar qrib Ġesu’. Jekk dan jirnexxi, allura tkun festa bis-sens. Nixtiequ festa qaddisa lil kulħadd.

(mill-Editorjal Rivista Għajnsielem Festa 2018)

Fih Ngħixu, Nitħarrku u Aħna              Atti 17,28

Minn qalbna     NAWGURAW

FESTA MILL-AQWA LIL KULHADD

PROGRAMM TAL-FESTA

Is-Sibt 25 ta’ Awwissu 6.30pm               Translazzjoni mill-Knisja l-Qadima sal-Knisja Parrokkjali.

7.00pm        L-Ewwel Għasar

8.00pm        Quddiesa

Il-Ħadd 26 ta’ Awwissu

9.00am        Konċelebrazzjoni Pontifikali mmexxija mill-E.T. Mons Isqof Mario Grech bil-prietka minn Fr Joseph Buttigieg ofm cap.

6.30pm        It-Tieni Għasar Solenni ta’ jum il-Festa

7.30pm Il-Purċissjoni

Il-ġbir ta’ jum il-festa jkun b’risq il-ħidma tal-Jesuit Refugee Services.

Nistiednu lil kulħadd biex  nakkumpanjaw il-purċissjoni bit- talba tar-Rużarju u fuq iz-zuntier għall-kant tal-Litanija Lawretana u d-Dħul tal-vara fil-Knisja. Antifona u Barka Sagramentali.

It-Tlieta 28 ta’ Awwissu- RADD il-ĦAJR

6.30pm       Rużarju u Barka Sagramentali.

7.00pm       Quddiesa ta’ Radd il-Ħajr u wara jsir id-dħul tal-vara ta’ Ommna Marija ta’ Loreto fin-niċċa tagħha.

RADJU LAURETANA 89.3FM

L-iskeda tintemm il-Ħadd 26 ta’ Awwissu. Grazzi talli segwejtuna. Niltaqgħu f’Diċembru.

OFFERTA GĦALL-BULLETTIN

  • Guza Zerafa toffri €20 b’suffraġju tal-Erwieħ tal-Familja Zerafa u Spiteri.
  • L-Arċipriet flimkien mal-Familja Bajada joffru €20 b’suffraġju ta’ Maria Bajada f’għeluq it-13-il sena mill-mewt tagħha fil-25 ta’ Awwissu u għal Wenzu Bajada.

Agħtihom O Mulej il-mistrieħ ta’ dejjem

responsabiltÀ–rispett–rieda tajba–rażan

Dejjem u f’kollox.

XANDIR FUQ IT-TV

Il-quddiesa pontifikali u l-purċissjoni jixxandru dirett fuq Xejk TV u fLiving bil-kummentarju provdut minn Radju Lauretana. Segwu dawn ix-xandiriet.

WIRJA f’minjatura tal-Madonna ta’ Loreto fid-Dar Parrokkjali fil-jiem tal-festa mit-8.30pm ‘il quddiem.

QRAR is-Sibt tal-festa mis-6.30 pm ‘il quddiem u l-Ħadd filgħodu.

GRAZZI MILL-QALB: Bott fil-ħanut ‘Ideal Store’ €255. Bott offerti Każin PN €23.56. NN Offerta lill-Madonna €350. Offerta Knisja NN €200 u NN €40, NN b’ringrazzjament lill-Madonna $Us500.

Gabra Bieb Bieb (l-aħħar waħda) €3304.

Gabra Ħruġ Vara €2951.

NAGĦTU D-DEMM  – It-Tlieta 28 t’Awwissu fil-Berġa tax-Xewkija bejn is-1pm u l-5pm.

RIVISTA GĦAJNSIELEM

Mal-bullettin qegħdin tirċievu r-rivista Għajnsielem. Fiha artikli ferm interessanti. Aqrawhom! Ir-rivista qed titqassam b’xejn imma kull donazzjoni biex intaffu l-ispejjeż tal-istampar hija ferm apprezzata.

TIFKIRA U TIFSIRA ARLOĠĠI

Mal-bullettin qed tasallek ukoll tifkira-tifsira tal-inawgurazzjoni tal-arloġġi. Ilqagħha bħala  ringrazzjament min-naħa tal-parroċċa tal-għajnuna u l-offerti tiegħek għal dan il-proġett.

L-ADORAZZJONI FIL-KNISJA L-QADIMA tissokta l-Erbgħa 29 ta’ Awwissu.

L-EWWEL SIBT TAX-XAHAR

Is-Sibt l-1 ta’ Settembru fil-Knisja l-Qadima fit-3.30pm rużarju u fl-4pm quddiesa. L-Adorazzjoni Ewkaristika tkompli sad-9pm b’radd il-ħajr għall-festa.

IL-PROĠETT TAL-ORGNI – Familja Buttigieg €200, P&N Buttigieg €300, GRAZZI KBIRA MILL-QALB! 

PARROĊĊA MADONNA TA’ LORETO-GĦAJNSIELEM

Dar Parrokkjali-21554615         Arċipriet –79710784 

E mail – ghajnsielemparish@gmail.com

Ċentru Parr. – 21561030   Radju Lauretana 21566965

 http://www.radjulauretana.com/parish

Bullettin 19 ta’ Awwissu 2018

L-20 Ħadd Matul is-Sena

NGĦIXU GĦAL DEJJEM

Preokkupazzjoni kbira u tal-biża għall-bniedem dejjem kienet il-mewt.  Mill-Ktieb tal-Proverbji, li nsibu fl-Ewwel Qari

tal-lum, għandna messaġġ qawwi mill-awtur li jistieden lill-bniedem iwarrab il-bluhat biex ħajtu tkun bil-għaqal.  Hemm bżonn li nagħrfu li aħna ma aħniex għal hawn u li għalhekk huwa mportanti li nfittxu l-ħwejjeġ tas-sema.  Għaldaqstant irridu nieklu l-ħobż li nieżel mis-sema biex isaħħaħna fl-għajxien, fil-fehmiet u fid-deċiżjonijiet tagħna.  Il-Mulej jagħtina dan il-ħobż biex ngħixu, mhux għal ftit żmien iżda għal dejjem.   Quddiem dinja li qed tistedinna għall-kultura tal-mewt, Ġesù jippreżentalna stedina li hija wkoll sfida biex ngħixu miegħu għal dejjem.

Is-Salm 33 li ntennu fis-Salm Responsorjali tal-lum jistedinna biex inkomplu nitbiegħdu mill-ħażen u nwettqu dak li jrid minna l-Mulej.  It-Tieni Qari, meħud mill-Ittra ta’ San Pawl lill-Efesin, ifisser x’għandha tkun il-ħidma tan-Nisrani li jrid jixbah lil Alla.  Fil-Vanġelu ta’ San Ġwann, Ġesù jkomplu jinsisti fuq il-ħobż li jagħti l-ħajja,  Ġesù jagħti tassew lilu nnifsu.

  • Kemm qed nifhmu dak li jtenni Ġesù meta jistedinna għall-ħobż li niżel mis-sema u li jagħtina l-ħajja ta’ dejjem?
  • Il-ħajja tiegħi ta’ kuljum hija mibnija fuq għażliet għaqlin jew għażliet għall-eġoiżmu?
  • Ġesù jikkonfronta l-egoiżmu tagħna bl-altruiżmu tiegħu. Ħallielna ġismu u demmu. X’seta’ jagħtina aktar biex juri mħabbtu għalina?

Duqu u taraw

  kemm hu tajjeb il-Mulej!

  • Bi qrara tajba u sehem fil-Quddiesa f’dawn il-ġranett tal-festa!

Fih Ngħixu, Nitħarrku u Aħna              Atti 17,28

responsabiltÀ – rispett –

rieda tajba – rażan … dejjem u f’kollox.

u MATUL DAWN IL-JIEM L-AQWA NGREDJENTI għal

FESTA MILL-AQWA.  AWGURI

IL-FESTA TKOMPLI

Il-ĦADD 19 ta’ Awwissu

FestaFAMILJA u EMIGRANTI – 10am

Wara ssir l-INAWGURAZZJONI TAL-ARLOĠĠI FIL-KAMPNAR.

Għal min jixtieq nitilgħu anke fil-kamra tal-arloġġi u fil-kampnar għad-daqq tat-tokki ta’ nofsinhar.

—————

It-Tnejn 20 ta’ Awwissu Il-ħruġ tal-istatwa min-niċċa tagħha jkun għall-ħabta tal-10.45pm.

Issir L-AĦĦAR ĠABRA KBIRA GĦALL-FESTA Inkunu ġenerużi u nagħmlu l-aħħar sforz biex ikollna ġabra tajba. Grazzi tal-ġenerożità.

Segwu b’attenzjoni l-programm tal-festa li tqassam il-ġimgħa li għaddiet u nieħdu sehem attiv fil-funzjonijiet tal-knisja.

—————

WIRJA f’minjatura tal-Madonna ta’ Loreto fid-Dar Parrokkjali matul il-ġimgħa tal-festa mit-8.30pm ‘il quddiem.

RADJU LAURETANA 89.3FM

L-iskeda tkompli fil-ġimgħa tal-festa b’aktar programmi u xandiriet. Komplu segwu. Mal-bullettin qed tirċievu l-iskeda tal-aħħar ġranet ta’ xandir.

XANDIR FUQ IT-TV

Segwu l-festa tagħna mit-Tnejn sal-Ħadd fuq Xejk TV u l-Ħadd filgħaxija fuq fLiving ukoll. Grazzi lill-ħwienet u stabilimenti li qed jgħinu bir-reklamar tagħhom.

OFFERTA GĦALL-BULLETTIN

  • Sally Borg u wliedha joffru €20 għall-ispejjeż tal-bullettin b’suffraġju ta’ Mario Borg f’għeluq il-ħames snin mill-mewt tiegħu fid-19 ta’ Awwissu.
  • Loreta Saliba toffri €20 għall-ispejjeż tal-bullettin b’suffraġju ta’ Karlu u Ġużeppa Spiteri fl-anniversarju mill-mewt tagħhom.

Agħtihom O Mulej il-mistrieħ ta’ dejjem

IL-MARĊ TAL-ĠIMGĦA

Hija xewqa tal-Kumitat Ċentrali tal-Festa li dan il-marċ jimxi sew u jkun okkażjoni tajba ta’ ferħ flimkien waqt id-dimostrazzjoni bil-Madonna.

NISTIEDNU lil kulħadd biex nikkoperaw ħalli l-marċ jimxi biex jasal fil-ħin fil-pjazza.

  • FEATURE F’SALIB IT-TOROQ fil-10.45pm imtella’ mill-Għaqda tal-Armar Għajnsielem
  • WARA L-WASLA TAL-MADONNA FUQ IL-PEDESTALL ikollna WIRJA PIROTEKNIKA fil-PJAZZA MINN FUQ IL-BJUT ….Inizzjattivi sbieħ.

Nikkoperaw mal-BANDA TAGĦNA

u NIMXU >>> Festa ta’ FERĦ >>> AWGURI

QRAR Għall-festa

Mit-Tlieta sas-Sibt ta’ din il-ġimgħa mis-6.30 pm ‘il quddiem. U l-Ħadd filgħodu.

GRAZZI MILL-QALB: Għas-Sagristiji: NN €100.

ĠABRA BIEB BIEB

GRAZZI tal-offerti waqt il-ġabra bieb bieb li saret mill-voluntiera tagħna għall-festa. S’issa laħqet €3129. Dawk li ma kienux id-dar u jixtiequ jagħtu l-offerta tagħhom tistgħu tixtħu l-envelop fil-ferta tal-knisja jew fil-letterbox tad-dar parrokkjali.

L-ADORAZZJONI FIL-KNISJA L-QADIMA tkun magħluqa mit-Tnejn 20 sat-Tlieta 28 ta’ Awwissu.

NAGĦTU D-DEMM

Il-Ħadd 19 t’Awwissu fil-Berġa tax-Xewkija bejn it-8am u s-1pm.

IL-PROĠETT TAL-ORGNI –

NN-€100.  GRAZZI KBIRA MILL-QALB! 

 

Bullettin 12 ta’ Awwissu 2018

It-19-il Ħadd Matul is-Sena

PROPOSTA GĦAT-TGERGIR!

Kemm ingergru!  Kemm-il darba anki l-ħajja spiritwali tagħna tkun imċajpra b’dan it-tgergir?

Kemm tassew ħafna drabi ninfexxu nippuntaw subgħajna u l-akkużi tagħna fuq it-tgergir lejn ħaddieħor.  Fi żmien Ġesù l-Lhud gergru minkejja li raw il-Providenza Divina u daqu mill-istess providenza.  Il-proposta ta’ Ġesù għal dan in-nuqqas hija li jitma’ lill-bniedem bil-Ħobż Ħaj li nieżel mis-sema.  Il-ħajja tagħna ta’ kuljum ħafna drabi tkun medjokri peress li naqgħu f’attitudni ta’ tgergir u ma nindunawx li l-għajnuna l-Mulej qed jagħtiha kull ħin lilna, u kif!

Fl-Ewwel Qari, meħud mill-Ewwel Ktieb tas-Slaten, għandna lil Elija jaqta’ qalbu u jaħrab lejn id-deżert.  Qata’ qalbu minħabba l-ebusija tan-nies.  Iżda Alla, fil-mument ta’ kriżi, jersaq lejh, jitimgħu u jagħmillu kuraġġ.  Is-Salm Responsorjali, meħud minn Salm 33, huwa stedina biex induqu u naraw kemm huwa tajjeb il-Mulej.  Huwa bla sens li ngergru għall-Mulej jekk wara ma narawx l-għajnuna kontinwa li huwa jagħtina.  It-Tieni Qari, meħud mill-Ittra ta’ San Pawl lill-Efesin, jitkellem fuq ir-regola tal-ħajja l-ġdida li rċevejna permezz tal-Ispirtu s-Santu.  Fil-Vanġelu ta’ San Ġwann naraw ir-rifjut tal-Lhud għall-kliem ta’ Kristu li kien joffri l-Ewkaristija bħala ġismu u demmu.

  • Fil-mument ta’ kriżi ta’ ħajjitna nduru lejn Ġesù għax jinsab ħdejna f’kull ħin.
  • Nemmnu aktar fil-qawwa tal-Ewkaristija fil-ħajja tagħna.
  • Fil-ħajja, bit-tgergir negħrqu aktar fil-medjokrità. Inqumu fuq tagħna bħala Nsara u nħarsu lejn dak li jitmagħna bih Ġesù.
  • Qegħdin tassew induqu u naraw kemm huwa tajjeb il-Mulej?

Mulej, grazzi għall-għajnuna  li toffrili kull ħin.

Fih Ngħixu, Nitħarrku u Aħna                Atti 17,28

responsabiltÀ – rispett – rieda tajba – rażan

… dejjem u f’kollox.

EWRO COLLECTION

Matul il-quddies kollu ta’ dan il-weekend il-ġbir ikun għall-festa tagħna li issa tinsab fil-qrib. Inkunu ġenerużi u nagħtu kif u kemm nistgħu. Grazzi tal-offerta tagħkom.

NIBDEW IL-FESTA

Nhar il-Ħamis li ġej nibdew in-novena tal-Festa… parti mportanti mill-festa stess. Segwu sew il-programm li qed jaslilkom ma’ dan il-bullettin.

Il-ĦAMIS 16 ta’ AWWISSU Nibdew in-Novena

SEJĦA LIT-TFAL U L-ADOLEXXENTI

Il-Ħamis,il-Ġimgħa,Is-Sibt u t-Tnejn 16-20 Awwissu-9am  Quddiesa animata appposta għalihom fil-knisja parrokkjali… u attivitajiet oħra skont il-programm tal-festa u kif navżawhom.

Il-ĦADD 19 ta’ Awwissu

FestaFAMILJA u EMIGRANTI – 10am.

Wara ssir l-INAWGURAZZJONI TAL-ARLOĠĠI FIL-KAMPNAR.

Għal min jixtieq nitilgħu anke fil-kamra tal-arloġġi u fil-kampnar għad-daqq tat-tokki ta’ nofsinhar.

RADJU LAURETANA 89.3FM

L-iskeda tkompli b’aktar programmi u xandiriet. Komplu segwu. Mal-bullettin qed tirċievu l-iskeda tat-tielet ġimgħa ta’ xandir.

VELJA TAL-ASSUNTA

It-Tlieta 14 ta’ Awwissu quddiem is-Santwarju tal-Madonna ta’ Pinu mit-8pm sal-10.15pm. Tixxandar dirett fuq Radju Lauretana.

IT-TLUGĦ FIS-SEMA TA’ MARIJASOLENNITÀ L-Erbgħa 15 ta’ Awwissu, il-quddies fil-knisja tagħna jkun bħal ta’ nhar ta’ Ħadd: 6am, 8am, 10am u 5pm.

OFFERTA GĦALL-BULLETTIN

  • Lorenza Scicluna toffri €20 b’suffraġju tal-għażiż binha Joe fl-anniversarju tat-13-il sena mill-mewt tiegħu fil-15 ta’ Awwissu, kif ukoll ta’ binha Frankie u ta’ żewġha Carmelo Scicluna.
  • Maria Grech toffri €20 b’suffraġju ta’ Loreto Grech f’għeluq il-5 snin mill-mewt tiegħu fil-11 ta’ Awwissu.
  • Il-Familja Xuereb joffru €20 b’suffraġju ta’ Loreta u George Xuereb fl-anniversarju tal-mewt tagħhom.

Agħtihom O Mulej il-mistrieħ ta’ dejjem

TĦEJJIJA FESTA

SIBTIJIET TAL-MADONNA  L-AĦĦAR SIBT... Ngħidu r-rużarju mal-familja u jkollna l-l-quddiesa bl-omelija filgħaxija.

L-AĦĦAR ĠABRA BIEB BIEB

Inħeġġukom twasslu l-offerta tagħkom f’din l-aħħar ġabra li qed issir bieb bieb. L-offerta ta’ kulħadd tiswa ħafna biex inlaħħqu mal-ispejjeż dejjem jikbru tal-festa. Tistgħu twasslu l-envelop lill-voluntiera li jiġu, fil-knisja stess jew fil-letterbox tad-dar parrokkjali.

NAGĦTU D-DEMM  Il-Ħadd 12 t’Awwissu fil-Berġa tax-Xewkija bejn it-8am u s-1pm.

TALB GĦALL-PERSUNI KKONSAGRATI

Nhar is-Sibt 18 ta’ Awwissu fil-knisja ta’ Marsalforn – Adorazzjoni fis-6.30 u quddiesa fis-7pm.

FESTA TA’ KEMMUNA

Mal-Bullettin qed jaslilkom ukoll il-programm tal-festa ta’ Kemmuna għal tmiem il-ġimgħa li ġejja.

ILQA’ FI ĦDANEK MULEJ

  • Missier ilqa’ fi ħdanek lil Karmenu Agius mill-Komunita’ Parrokkjali tagħna li int sejjaħt għal ħdanek nhar it-3 ta’ Awwissu 2018 fl-għomor ta’ 71 sena.

Agħtih O Mulej il-mistrieħ ta’ dejjem

GRAZZI MILL-QALB Offerta Knisja : NN €45.

IL-PROĠETT TAL-ORGNI –

NN – €300; Marvin Dempsey €100; NN – €300. GRAZZI KBIRA MILL-QALB! 

PARROĊĊA MADONNA TA’ LORETO-GĦAJNSIELEM

Dar Parrokkjali-21554615         Arċipriet –79710784 

E – ghajnsielemparish@gmail.com

Ċentru Parr. – 21561030   Radju Lauretana 21566965

 http://www.radjulauretana.com/parish

RESPONSABILTÀ u RISPETT

– 2 ingredjenti tajbin għal min irid ikollu festa sabiħa u dinjituża.